Media
Avvenimenti 2024
Expo Servizz Pubbliku

Kienet opportunità tajba għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku u l-pubbliku ġenerali li permezz tal-Expo tas-Servizz Pubbliku saru jafu iktar bis-servizzi mogħtija minn entitajiet governattivi varji. Iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti kien preżenti waqt l-Expo, li saret bejn il-15 u d-19 ta’ Mejju, b’tagħrif dwar il-ħiliet lingwistiċi tal-kitba, il-qari, is-smigħ, it-taħdit u l-użu tal-lingwa tas-sinjali. Il-filmati li ntwerew fl-Expo jinsabu fuq il-media soċjali taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.
Mal-Melodija
Fid-9 ta’ Mejju, iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti organizza attività bl-isem ta’ Mal-Melodija, immirata għall-istudenti tas-7 sena skolastika. L-attività saret bħala parti mill-ħidma taċ-Ċentru fil-promozzjoni ta’ lsienna. L-għan ta’ din l-attività huwa li jingħaqad l-apprezzament lejn il-letteratura Maltija mal-mużika. Grupp ta’ studenti mill-Iskola Medja fil-Kulleġġ San Benedittu ħadu sehem f’din l-ewwel attività, bis-sehem tal-lingwista Dott. Maris Camilleri, il-kantanta Megan May u l-pjanist u arranġatur mużikali Aleandro Spiteri Monsigneur. Huma wrew kif 3 strofi mill-poeżija bil-Malti ‘Għasfur Ċkejken’ tal-poeta Għawdxi Ġorġ Pisani jistgħu jissawru fil-lirika ta’ kanzunetti oriġinali.


Peppa Pig bil-Malti
Peppa Pig bil-Malti huwa proġett li qed jingħata sostenn miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti minħabba l-bżonn ta’ iktar riżorsi awdjoviżivi għat-tfal bil-Malti. Wara t-traduzzjoni tat-test mill-Ingliż għall-Malti, ikun imiss id-doppjaġġ ta’ din is-sensiela animata għat-tfal minn Media Exclusive. L-episodji se jixxandru fuq it-TV fix-xhur li ġejjin. Il-proġett tħabbar uffiċjalment fis-6 ta’ Mejju, 2024, bit-tnedija tiegħu saret ftit tal-jiem qabel fi Spazju Kreattiv.


Il-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti
Fil-Palazz Verdala, tlaqqa’ l-Forum Nazzjonali tal-Ilsien Malti, li matulu tnieda stħarriġ xjentifiku dwar l-istat ta’ lsienna, filwaqt li saru għadd ta’ diskussjonijiet dwar temi varji li jitrattaw l-ilsien Malti. Il-Forum sar fit-23 ta’ Frar 2024 u kien organizzat miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti (ĊIM). Kien indirizzat mill-Kap Eżekuttiv taċ-ĊIM Norma Saliba, l-istatistiku u lettur fl-Università ta’ Malta Vincent Marmarà u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Akkademiċi, esperti, uffiċjali minn entitajiet governattivi u l-udjenza numeruża li kkonkorriet bi ħġarha għal din l-attività kellhom iċ-ċans jitkellmu dwar l-isfidi u l-miżuri meħtieġa biex insaħħu l-ilsien nazzjonali tagħna.



Għodod Diġitali għal-Lingwi ta’ Pajjiżi Żgħar
Iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti (ĊIM) organizza taħdita fil-5 ta’ Frar 2024 dwar l-għodod diġitali għal-lingwi ta’ pajjiżi żgħar bħalma huma Malta u l-Latvja. it-taħdita saret bis-sehem tal-President tal-Latvja Edgars Rinkēvičs, li kien Malta għal żjara statali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Kap Eżekuttiv taċ-ĊIM Norma Saliba. It-taħdita saret bis-sehem tal-President tal-Latvja Edgars Rinkēvičs, li kien Malta għal żjara statali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Kap Eżekuttiv taċ-ĊIM Norma Saliba. It-taħdita ttellgħet fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, u fiha ħadu sehem diversi entitajiet li huma involuti f’ħidma fl-ilsien Malti, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija tal-informatika, ir-riċerka u l-amministrazzjoni pubblika.



L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) stiednet lill-Kap Eżekuttiv tat-Tilde Arturs Vasilevskis u lill-Manager tal-Prodott tat-Tilde Tom Hanson għal laqgħa fl-uffiċini tal-MDIA fl-Imrieħel bis-sehem ukoll tal-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti (ĊIM) Norma Saliba. Il-laqgħa saret wara t-taħdita dwar l-għodod diġitali għal pajjiżi żgħar bħal Malta u l-Latvja, minħabba li t-Tilde hija kumpanija Latvjana li tispeċjalizza f’dan il-qasam. Waqt iż-żjara fl-MDIA, is-Sur Vasilevskis u s-Sur Hanson qasmu l-esperjenza tal-kumpanija Tilde dwar l-iżvilupp ta’ pjattaformi teknoloġiċi għal-lingwi mal-uffiċjali tal-MDIA. Kienet esplorata l-possibilità ta’ kollaborazzjoni bejn l-MDIA u t-Tilde, b’mod partikolari b’rabta ma’ proġetti bħalma hija l-pjattaforma teknoloġika tal-lingwa Maltija traduzzjoni.mt.


Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali Kevin Mahoney iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti (ĊIM) Norma Saliba biex jiddiskutu l-ħidma li qed issir miċ-ĊIM, it-tħejjijiet għall-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti u t-triq ‘il quddiem għat-tisħiħ tal-użu tal-ilsien Malti fost il-Maltin u l-Għawdxin. Matul il-laqgħa, is-Sur Mahoney u s-Sa Saliba tkellmu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li għandu ilsienna u l-importanza li s-settur pubbliku jkun ta’ eżempju għas-settur privat fl-użu tal-Malti, kif ukoll il-ħtieġa ta’ iktar riżorsi għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-lingwa nazzjonali tagħna.
Iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti (ĊIM) se jorganizza l-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar, 2024. Din hija opportunità mill-isbaħ biex issir diskussjoni kostruttiva dwar kif nistgħu nieħdu ħsieb u nippromwovu l-ilsien nazzjonali ta’ pajjiżna. Matul il-Forum se jitħabbru r-riżultati ta’ stħarriġ nazzjonali li se jagħti stampa iktar ċara tal-istat tal-Malti f’oqsma varji ta’ ħajjitna. Il-Forum huwa intiż li jgħin fit-tfassil ta’ pjan ħolistiku biex il-Malti jibqa’ ħaj fost il-Maltin tal-lum u l-ġenerazzjonijiet li jmiss!
